Mindu daħlet il-liġi tal-Unjoni Ċivili f’Malta fl-2014, 173 koppja tal-istess sess ingħaqdu f’Unjoni Ċivili. Dan joħroġ minn statistika li tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra tad-deputati mill-Prim Ministru Joseph Muscat għal mistqosija tad-deptuat Byron Camilleri. Għaxar koppji oħra tas-sess oppost ukoll għażlu li jingħaqdu f’Unjoni Ċivili flok fiż-żwieġ. Is-sena li għaddiet 57 koppja ngħaqdu f’Unjoni Ċivili f’Malta u kienet l-aktar sena fl-aħħar erba’ snin li fiha ġew reġistrati Unjoni Ċivili.
Id-dħul tal-Unjoni Ċivili u diversi liġijiet oħra dwar id-drittijiet ċivili ġew innutati f’rapport dwar l-inklussività ta’ persuni LGBTIQ li tħejja mill-organizazzjoni ta’ studenti Ewropej – imsejħa IGLYO. Malta ħadet punti massimi f’disa minn għaxar indikaturi li jvarjaw minn kemm pajjiż ma jiddiskriminax kontra persuni LGBTIQ sa l-opportunitajiet indaqs għal dawn il-persuni fl-oqsma varji tas-soċjetà.
Fehmet l-MEP Corazza dwar l-LGBTIQ
Sadanittant, Anna Maria Corazza, Ewroparlamentari tal-Partit Popolari Ewropew u membru tal-kumitat tad-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza, faħħret lil Malta li bħal pajjiżha, l-Iżvezja, jitqiesu bħala fost l-iktar pajjiżi avanzati fid-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ. L-MEP Corazza tisħaq li t-triq għadha twila, hemm iktar xi jsir biex tonqos id-diskriminazzjoni lejn persuni u b’mod partikolari tfal LGBTIQ.
Il-Ministru ghall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-għarfien internazzjonali li qed tikseb Malta fil-qasam tad-drittijiet ċivili jkompli jħeġġeġ lill-Gvern biex jaħdem aktar ghad-drittijiet ugwali għal kulħadd.
Ara l-kumment sħiħ tal-MEP Corazza hawnhekk:
Source: tvm.com.mt