Nixtiequ nindirizzaw xi kummenti riċenti dwar servizzi tas-saħħa għal persuni trans (servizzi t’affermazzjoni tal-ġeneru) li għamel il-Ministru Prof. Jo Etienne Abela waqt l-intervisti tiegħu ma’ LovinMalta u Times of Malta.
Nixtiequ nibdew billi nindirizzaw is-suġġeriment li l-kura tas-saħħa speċjalizzata għan-nies trans hija “kumplessa”. Il-kumplessità mhijiex ġustifikazzjoni għall-ineżistenza jew ir-rifjut tal-kura. Kull qasam tas-saħħa, minn trattamenti kontra l-kanċer sa servizzi ta’ saħħa mentali, jiġu bl-isfidi u l-kumplessitajiet tagħhom. Propju għalhekk, il-professjonisti f’dawn l-oqsma huma mistennija li jkunu kompetenti, imħarrġa tajjeb u speċjalizzati. Minkejja l-isfidi u d-dewmien f’oqsma oħra tas-sistema tas-saħħa tagħna, inklużi dawk imsemmija qabel, ħadd ma jistenna li l-istat joqgħod lura milli jipprovdi l-kura f’dawn l-oqsma jew li jlaqqamhom kontroversjali. Il-kura tal-affermazzjoni tal-ġeneru teħtieġ biss li nersqu lejha bl-istess dedikazzjoni, bi prattiċi bbażati fuq l-evidenza, b’kompassjoni, u b’approċċ iffukat fuq il-pazjent; approċċ li nemmnu kien qed jiġi implimentat b’suċċess f’Malta.
Nixtiequ wkoll nindirizzaw it-tħassib li ntwera rigward l-għeluq tal-Klinika tal-Ġeneru Tavistock u l-isfidi mediċi-legali fir-Renju Unit. Huwa essenzjali li nikkontestwalizzaw avvenimenti barranin, hekk kif ġew interpretati ħażin minn xi wħud, biex jipprotestaw kontra l-aċċess għal kura tal-affermazzjoni tal-ġeneru għaż-żgħażagħ trans, u b’hekk qed jiġi miċħud jew differit it-trattament għall-adulti trans ukoll. L-għeluq tal-Klinika tal-Ġeneru Tavistock kien riżultat tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ta’ Hilary Cass, rapport li suppost talab għal approċċ aktar reġjonalizzat u olistiku għall-kura tal-affermazzjoni tal-ġeneru għaż-żgħażagħ fir-Renju Unit.
Madankollu, ħafna kliniċisti, attivisti u akkademiċi kkritikaw ir-reviżjoni ta’ Cass. Riċentement, grupp ta’ esperti kitbu lis-Segretarju għas-Saħħa tar-Renju Unit, u ħeġġu biex iwaqqaf l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport ta’ Cass. L-ittra tagħhom tiddeskrivi r-reviżjoni bħala “spettaklu assurd” li tagħmel rakkomandazzjonijiet li “jdgħajfu l-kura għan-nies trans billi jbeżżgħu bl-għadd ta’ żgħażagħ li jfittxu li jużawha”. Barra minn hekk, is-servizzi pprovduti fil-Klinika tal-Ġeneru huma bbażati fuq mudell ta’ kunsens infurmat, iggwidati mill-Istandards tal-Kura tal-WPATH (Assoċjazzjoni Dinjija għall-Kura tas-Saħħa tat-Transġeneri). WPATH innifisha kkritikat ir-Reviżjoni Cass għal diversi kwistjonijiet, inkluża l-metodoloġija u l-esklużjoni ta’ esperti fil-qasam tal-kura tal-affermazzjoni tal-ġeneru.
Huwa importanti wkoll li nenfasizzaw li l-kura tal-affermazzjoni tal-ġeneru mhijiex biss numru ta’ interventi mediċi bħat-terapija ta’ sostituzzjoni tal-ormoni u l-kirurġiji tar-riallokazzjoni tal-ġeneru, imma tinkludi firxa ta’ interventi soċjali, psikoloġiċi, u ta’ mġiba, bħal pariri, psikoterapija u speech therapy. In-nies trans ta’ etajiet differenti, inkluż iż-żgħażagħ, li għadhom qed jistennew biex jiksbu appuntament fil-klinika, qed jiġu mfixkla milli jaċċessaw xi wħud minn dawn is-servizzi. Studji numerużi u l-Istandards tal-Kura mill-WPATH, li huma bbażati fuq reviżjonijiet sistematiċi tar-riċerka, huma ċari; l-aċċess għal kura tal-affermazzjoni tal-ġeneru, inkluża għal żgħażagħ, iwassal għal riżultati aħjar ta’ saħħa mentali, tnaqqis fl-ansjetà, livelli aktar baxxi ta’ dipressjoni, u kwalità ta’ ħajja aħjar. Il-kura tal-affermazzjoni tal-ġeneru ssalva l-ħajjiet, speċjalment għaż-żgħażagħ li huma aktar vulnerabbli għal sentimenti ta’ iżolament, diskriminazzjoni, u disperazzjoni meta jiġu miċħuda l-kura li jeħtieġu.
Il-Ministru semma wkoll li s-sistema tas-saħħa ta’ Malta ta’ spiss timmudella lilha nnifisha fuq dik tal-NHS tar-Renju Unit. Malta ilha indipendenti mir-Renju Unit għal 60 sena, u wasal iż-żmien li nibdew nikkontestaw din il-mentalità kolonjali li r-Renju Unit għandu jkun il-benchmark tagħna f’kull aspett. Madankollu, kieku verament insegwu l-mudell sħiħ tal-NHS tar-Renju Unit, kieku għandna sexual health policy, u l-NHS Malti jkun qed joffri aċċess komprensiv għall-mediċini tal-prevenzjoni tal-HIV bħall-PEP u l-PrEP, li huma disponibbli faċilment taħt l-NHS tar-Renju Unit iżda għadhom mhux disponibbli fis-sistema tas-saħħa f’Malta u għal bosta nies huwa diffiċli biex jaċċessawhom.
Ir-realtà kurrenti tagħna hija li n-nies trans ta’ kull età qed jitħallew f’limbu, jistennew għal appuntamenti li drastikament jistgħu itejbu s-saħħa mentali u fiżika tagħhom. Malta għandha l-opportunità li tkun ta’ eżempju fil-qasam tal-kura għan-nies trans, kif għamilna bil-liġi GIGESC tagħna li ddepatoloġizzat l-identitajiet trans, iżda biex nagħmlu dan, ma nistgħux naqgħu fin-nassa tar-riċerka preġudikata, il-propaganda transfobika, u mudelli antikwati jew applikati nofs leħja minn sistemi ta’ kura f’pajjiżi oħra.
Parti integrali mill-progress leġiżlattiv li għamlet Malta għall-komunità LGBTIQ kienet, parzjalment, grazzi għas-smigħ u l-konsultazzjoni mal-komunità, attivisti u partijiet oħra interessati li jaħdmu mal-komunità LGBTIQ. L-MGRM ikkuntattjat lill-Ministru erba’ darbiet fl-aħħar sena, u talbet laqgħa biex jiġu diskussi u indirizzati l-kwistjonijiet fil-Klinika tal-Ġeneru, u għadna qed nistennew risposta. Jekk il-Ministru u l-professjonisti għandhom tħassib, allura s-sejba ta’ soluzzjoni mal-komunità LGBTIQ u professjonisti msemmija għandha titqies bħala t-triq ‘il quddiem.
Il-benesseri tal-pazjenti għandu dejjem ikun fuq quddiem nett tat-titjib fil-provvediment tal-kura tas-saħħa; jekk dan ma jkunx minnu f’kull każ, tkun trasgressjoni tal-kura u tar-responsabbiltà li jkun żgurat li l-membri kollha tas-soċjetà jkollhom aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa. Nittamaw li l-Ministru għas-Saħħa jikkunsidra dan bis-serjetà, u jikkunsidra t-talba tagħna għal laqgħa ta’ konsultazzjoni.
Studji u Riżorsi
– Green, A. E., et al. (2022). Association of gender-affirming hormone therapy with depression, thoughts of suicide, and attempted suicide among transgender and nonbinary youth. JAMA Network Open, 5(3), e220978.
– van der Loos, M. A., Hellinga, I., Bouman, M.-B., & van der Sluis, W. B. (2022). Gender-affirming hormone therapy in adolescents and adults: A systematic review on mental health outcomes. European Psychiatry, 64(1), e18.
– Välimäki, M., & Söderström, I. (2021). Gender dysphoria in adolescence: Current perspectives. Adolescent Health, Medicine and Therapeutics, 12, 101-109.
– The Trevor Project. (2021). National Survey on LGBTQ Youth Mental Health 2021.
– van der Miesen, A. I. R., Steensma, T. D., de Vries, A. L. C., & Bos, H. M. W. (2020). Psychological functioning in transgender adolescents before and after gender-affirmative care compared with cisgender general population peers. Journal of Adolescent Health, 66(6), 699-704.
– Turban, J. L., et al. (2020). Pubertal suppression for transgender youth and risk of suicidal ideation. Pediatrics, 145(2), e20191725
– Durwood, L., McLaughlin, K. A., & Olson, K. R. (2017). Mental health and self-worth in socially transitioned transgender youth. Journal of the American Academy of Child & Adolescent Psychiatry, 56(2), 116-123.e2.