Persuni gay m’għandhomx jiġu mċaħħda milli jagħtu d-demm – Kunsill Konsultattiv

Il-Kunsill Konsultattiv għad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ se jaħdem biex l-irġiel omosesswali jkunu jistgħu jagħtu d-demm, xi ħaġa li s’issa ma jistgħux jagħmlu. Il-Kunsill irid ukoll li jsir reat kriminali li wieħed jipprovdi xi tip ta’ kura biex persuni omosesswali jibdlu l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Waqt il-preżentazzjoni tal-pjan ta’ ħidma tal-Kunsill għas-sentejn li ġejjin, il-Prim Ministru Joseph Muscat indika li l-Gvern qed jikkunsidra reviżjoni tal-liġi tal-IVF biex dan is-servizz ikun jista’ jingħata lill-koppji tal-istess sess.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kkonferma dak li ġie żvelat minn Television Malta f’Mejju li għadda li l-Gvern qed jikkunsidra li l-liġi tal-IVF tkun iktar inklussiva u ma tibqax biss għall-koppji eterosesswali.

F’laqgħa mal-membri tal-Kunsill Konsultattiv għad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, Dr Muscat qal li għandha ssir diskussjoni biex is-servizz tal-proċedura tar-riproduzzjoni assistita li beda din is-sena jkun miftuħ għall-koppji omosesswali. Dan l-impenn jinsab indikat fil-pjan ta’ azzjoni tal-Kunsill sas-sena 2017 li fost l-oħrajn jinkludi li l-irġiel li jkollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ rġiel oħrajn m’għandhomx jibqgħu jiġu mċaħħda milli jagħtu d-demm.

Hemm il-ħsieb ukoll li jiġu ffirmati protokolli ma’ pajjiżi barranin li jippermettu l-adozzjoni ta’ tfal minn koppji tal-istess sess.

Il-Prim Ministru qal li fl-aħħar sentejn sar progress sinifikanti f’dan il-qasam bl-introduzzjoni tal-liġijiet tal-Unjoni Ċivili u l-Identità tal-Ġeneru. Madankollu, wera x-xewqa li Malta tkompli tkun minn ta’ quddiem fil-qasam tal-ugwaljanza u jinsab determinat li b’konvinzjoni l-Gvern jara n-nuqqasijiet li għad fadal.

Il-Ministru għal-Libertajiet Ċivili, Helena Dalli qalet li  għaddejja ħidma ma’ kull Ministeru biex il-liġijiet fil-qasam tal-ugwaljanza li daħlu fis-seħħ ma jibqgħux fuq il-karta iżda jiġu implimentati bl-aħjar mod biex jilħqu l-milja tal-għanijiet tagħhom.

Source: tvm.com.mt