Malta żżomm l-ewwel post fost 49 pajjiż fil-qasam tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ

Malta żammet l-ewwel post minn 49 pajjiż fl-Ewropa, fl-analiżi minn ILGA-Europe tas-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ta’ persuni LGBTIQ. ILGA-Europe ddeskriviet l-impenn konsistenti tal-Gvern Malti għal ugwaljanza akbar għall-persuni LGBTIQ bħala “wieħed uniku”.

B’total ta’ 88%, Malta baqgħet fl-ewwel post qabel il-Belġju u r-Renju Unit li żammew posthom mal-ewwel tliet pajjiżi bi 82% u 81% rispettivament. Dawn ir-riżultati kienu ppublikati minn ILGA-Europe fl-okkażjoni tar-raba’ IDAHO Forum 2016 li jiċċelebra l-Jum Internazzjonali kontra l-omofobija, t-transfobija u l-bifobija li dis-sena qed jittella’ f’Copenhagen.

Bis-saħħa ta’ diversi liġijiet favur id-drittijiet ċivili, kif ukoll l-addozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni LGBTIQ, li l-Gvern Malti implimenta f’dawn l-aħħar tliet snin fosthom il-liġi dwar l-unjoni ċivili u dik tal-identità tal-ġeneru, pajjiżna għal darb’oħra qed jiġi klassifikat minn ILGA-Europe mal-grupp ta’ pajjiżi li qed juru tmexxija politika fil-qasam tal-ugwaljanza.

Isem Malta kien saħansitra mfaħħar mid-Direttur Eżekuttiv ta’ ILGA-Europe Evelyne Paradis li rrimarkat kif l-avvanz u l-progress li għamlet Malta fl-aħħar xhur u li wassalha biex titla’ fl-ewwel post huwa eżempju ċar ta’ kif pajjiżna qed jirnexxielu joħloq standards f’dan il-qasam.

Fl-analiżi tagħha, ILGA-Europe tiddeskrivi lil Malta bħala dak il-pajjiż li wettaq bidliet kbar fil-qasam LGBTIQ minkejja li hu l-iżgħar fl-Unjoni Ewropea, filwaqt li tiddeskrivi s-saħħa u l-mobilizzazzjoni tas-soċjetà ċivili flimkien mat-tmexxija politika fil-pajjiż bħala “ta’ ispirazzjoni”.

Dwar il-liġi tal-identità tal-ġeneru, l-espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess, ILGA-Europe mill-ġdid ikkonfermat kif din il-liġi għadha l-aqwa waħda fl-Ewropa li qed isservi ta’ katalista għal inizjattivi oħra. Fost dawn hemm il-politika fl-iskejjel għal studenti trans, intersess u ta’ ġeneru varjanti.

B’reazzjoni għal dan, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli  qalet li din hija konferma li Malta miexja fit-triq it-tajba f’dan il-qasam. Hija semmiet il-liġi għall-introduzzjoni ta’ Att dwar l-Ugwaljanza li se titressaq dalwaqt quddiem il-Parlament, li sejħet pass ieħor importanti biex f’ebda qasam ma tiġi ttollerata diskriminazzjoni.

Source: tvm.com.mt