Malta żammet l-ewwel post minn 49 pajjiż fl-Ewropa, fl-analiżi minn ILGA-Europe tas-sitwazzjoni tal-jeddijiet tal-bniedem fil-qasam ta’ persuni LGBTIQ. ILGA-Europe ddeskriviet l-impenn konsistenti tal-Gvern Malti għal ugwaljanza akbar għall-persuni LGBTIQ bħala eżempju perfett.
B’total ta’ 91%, Malta baqgħet fl-ewwel post qabel il-Belġju u n-Norveġja li ġew ikklassifikati fit-tieni u t-tielet post bi 78% u b’77% rispettivament. Dawn ir-riżultati kienu ppublikati minn ILGA-Europe fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali kontra l-omofobija, t-transfobija u l-bifobija.
Ir-rapport jgħid li minkejja l-fatt li Malta żammet postha fil-quċċata tal-klassifika, xorta waħda kien hemm titjib fil-lipijiet tal-pajjiż.
Qalet li l-aktar bidliet sinifikatni kienu bidliet li wasslu għal żwieġ indaqs mill-Parlament Malti f’Lulju li għadda. Qalet li l-liġi daħlet fis-seħħ f’Settembru li għadda u waqt ż-żwiġijiet likienu jinvolvu koppji tal-istess sess bdew jidħlu fir-reġistru pubbliku sa tmiem is-sena li għaddiet.
Bidla oħra sinifikanti kienet il-pass li għamel il-Gvern Malti meta introduċa l-marka X fuq dokumentazzjoni uffiċjali u ta l-possibilità lil persuni li ma jidentifikaw lilhom infushom ma ebda sess biex iniżżlu l-marka X fuq dokumenti uffiċjali bħal passaporti u karti tal-identita.
B’reazzjoni, il-Prim Minsitru Joseph Muscat qal fuq Twitter li l-Gvern jinsab kburi bil-kisbiet li għamlet Malta fl-aħħar snin u wiegħed li l-Gvern jinsab impenjat biex ikompli jaħdem għal aktar drittijiet.
Source: one.com.mt