Id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li fl-aħħar jiem ġie ppubblikat avviż legali li se jkun l-ewwel pass għal aktar servizzi tas-saħħa b’xejn għal persuni transgender.
Waqt seminar organizzat mill-MUMN bit-tema ‘Looking at health through the gender kaleidoscope’ ġie spjegat li permezz tal-avviż legali 44 tal-2018, li qed jemenda l-ħames skeda fl-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, persuni transgender se jkunu intitolati terapiji relatati mal-identità tal-ġeneru mingħajr ħlas.
Permezz ta’ dan l-avviż legali ddaħħlet fl-iskema l-kartuna s-safra, il-kundizzjonijiet relatati mal-identità tal-ġeneru u mal-karatteristiċi tas-sess.
Il-Ministru Chris Fearne żied jgħid li fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern se jniedi dokument dwar servizzi għal kundizzjonijijet relatati mal-identità tal-ġeneru u mal-karatteristiċi tas-sess.
Source: tvm.com.mt