Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-AIDS 2016, il-gruppi Malta Gay Rights Movement (MGRM) u Allied Rainbow Communities (ARC) espremew il-bżonn ta’ aktar miżuri li jindirizzaw iż-żieda fl-infezzjonijiet tal-HIV. Qalu li kull sena mill-2009, kellna żieda ta’ 20%.
Kien hemm 189 eterosesswali u 143 irġiel li jkollhom x’jaqsmu ma’ rġiel li qed jgħixu bl-HIV f’Diċembru 2015. U sal-aħħar t’Awwissu 2016, kien hawn 44 każ ġdid ta’ HIV u żewġ każijiet ta’ AIDS.
L-għaqdiet qalu li hemm bżonn miżuri konkreti u effettivi biex jinterrompu dawn it-tendenzi, u jekk ma jsirx hekk, dawk li jgħixu bl-HIV u li jeħtieġu trattament se jiżdiedu għal 2,000 ruħ mal-ħames snin li ġejjin, bi spiża sinifikanti għas-sistema tal-kura tas-saħħa ta’ Malta.
Iż-żewġ gruppi talbu l-introduzzjoni ta’ aktar miżuri. Fosthom servizzi tal-ittestjar fil-pront u li jkun provdut tagħmir ta’ ittestjar fid-dar li jkun awto amministrat,biex tintlaħaq il-mira ta’ 90% tal-persuni HIV+ li jafu l-istatus tagħhom. Talbu għal kura aktar effettiva, b’inqas effetti skondarji. Teħtieġ ukoll aktar edukazzjoni u kuxjenza, biex in-nies tittestja ruħha. Semmew ukoll il-bżonn ta’ servizzi psikoloġiċi.
Jemmnu li dawn is-suġġerimenti flimkien ma’ oħrajn huma mod aktar effettiv biex tkun ikkontrollata l-ispiza fit-tul. Dan joffri l-aħjar tama għat-tfal ta’ llum biex jikbru bħala ġenerazzjoni ħielsa mill-AIDS, temmew jgħidu.
Source: one.com.mt