Meta kien qed jitkellem dwar id-drittijiet tal-komunità LGBTIQ, il-Prim Ministru qal li bi sforz kollettiv is-soċjetà Maltija kienet mhux biss bidlet il-liġijiet, imma anki l-kultura u l-pajjiż
Il-Prim Ministru kien qed jitkellem waqt ċerimonja li matulha l-Għaqda Malta Gay Rights Movement varat ktieb bl-isem ta’ ‘A Seat at the Table’, li jiddokumenta l-istorja tal-LGBTIQ f’pajjiżna, u kif din wasslet biex pajjizna llum huwa fuq quddiem nett fid-drittijiet u ligijiet ta’ dan is-settur.
Il-ktieb miktub minn Simon Bartolo jiġbor ukoll pubblikazzjonijiet u anki programmi li saru fuq il-mezzi tax-xandir dwar il-qasam tal-LGBTIQ.
Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru sostna li, minkejja li sar ħafna tibdil, il-ktieb għadu mhuwiex mitmum. Stqarr li għad baqa’ xi jsir, u wissa li l-progress mhuwiex inevitabbli, u jekk ma jkunx sostnut jista’ jaqa’ lura.
Dr Muscat qal li riformi oħra li se jkun qed jagħmel il-pajjiż huma dwar l-IVF, li dwarhom jinsab lest għal diskussjoni diffiċli li iżda qal hemm bżonnha biex il-pajjiż verament ikun ugwali għal kulħadd.
Source: tvm.com.mt