Id-drittijiet LGBTIQ idaħħlu lil Malta f’suq turistiku ġdid

“Esperjenzi li għandna nkunu kburin bihom” – dan kien il-qofol ta’ konferenza li saret aktar kmieni dan ix-xahar f’Londra u li kienet ta’ suċċess enormi għall-Awtorità Maltija għat-Turiżmu.

Il-konferenza Proud Experiences saret permezz ta’ kollaborazzjoni mal-uffiċċju tal-MTA fl-Ingilterra u l-Irlanda, flimkien ma’ rappreżentanti tal-MTA fl-Amerka ta’ Fuq. Li Malta hija destinazzjoni ideali għat-turiżmu ftit tista’ tiddibattih. Però l-kunċett ta’ reklamar ta’ Malta bħala destinazzjoni ideali għall-persuni LGBTIQ huwa relattivament ġdid. Infatti din kienet l-ewwel darba li l-MTA ipparteċipat, bħala waħda mill-isponsors ewlenin, f’konferenza ta’ dan it-tip iffukata speċifikament fuq is-suq Ingliż. L-MTA diġà għandha esperjenza f’konferenzi bħalma huma l-konvenzjoni globali annwali l-ILGTA.

F’Londra, quddiem udjenza internazzjonali, kien rikonoxxut il-fatt li Malta żammet postha għat-tielet darba konsekuttiva fl-ewwel post fil-European Rainbow Index; sistema internazzjonali ta’ klassifikazzjoni. L-MTA wasslet il-messaġġ lill-aġenti tal-ivvjaġġar, ditti kbar u esperti mill-industrija li kienu preżenti.

Kurjuża fuq dan il-kunċett, din il-gazzetta tkellmet f’aktar dettall mal-MTA. Spjegaw li ġeneralment, vjaġġaturi LGBTIQ ikollhom aktar dħul disponibbli biex jonfqu meta jivvjaġġaw, peress li l-koppja tkun magħmula minn żewġ adulti li jaħdmu, ħafna drabi mingħajr tfal dipendenti fuqhom. Din tfisser li jkunu jistgħu jivvjaġġaw aktar spiss u normalment mhux fi staġuni peak.

Peress li pajjiżna riċentement avvanza bi kbir id-drittijiet għall-komunità LGBTIQ, u issa qegħdin fil-quċċata tal-European Rainbow index, għandna messaġġ importanti għall-vjaġġaturi LGBTIQ u nistgħu nippromwovu l-Gżejjer Maltin bħala destinazzjoni sigura.

Dawk li attendew, partikolarment wara li ntwera dokumentarju qasir fuq id-drittijiet għall-komunità LGBTIQ, infexxew f’applaws mill-qalb. Ir-rispons mill-barranin kien kliem ta’ tifħir dwar Malta. Ir-rappreżentanti tal-MTA esprimew sens ta’ kburija għaliex kien apprezzat il-fatt li qegħdin quddiem nett fir-rigward tad-drittijiet LGBTIQ. Wara li ntwera d-dokumentarju, ħafna nies avviċinaw ir-rappreżentanti tal-MTA u qalu li huma interessati jiġu Malta. Għaldaqstant, talbu informazzjoni biex ikunu jistgħu jagħmlu dan.

Fil-2012, Malta kienet lejn l-aħħar tal-European Rainbow Index, post biss fuq l-Ażerbajġan (li issa huma l-aħħar minn 49 pajjiż), u l-messaġġ għall-vjaġġaturi LGBTIQ ma kien tajjeb xejn. Sal-2016, Malta telgħet sal-quċċata tal-klassifika u permezz ta’ dan, beda jkun possibbli li Malta tattira nies mis-settur LGBTIQ. Il-Gvern ta’ Malta issa ħa passi li huma meqjusin bħala eżempju għad-dinja. Biex nagħtu kuntest, minn 53 pajjiż tal-Commonwealth, 36 minnhom għadhom jikkunsidraw l-omosesswalità bħala delitt, u għalhekk, Malta qed tkun rikonoxxuta bħala pajjiż progressiv. Malta llum hija meqjusa bħala pajjiż li tilqa’ lil kulħadd, irrispettivament mid-diversità tagħhom.

Malta hija destinazzjoni ġdida għal ħafna vjaġġaturi minn madwar id-dinja, li issa qed isiru jafu b’pajjiżna permezz tax-xogħol tal-MTA. L-Awtorità spjegat li vjaġġaturi LGBTIQ mhumiex differenti f’rigward x’jixtiequ minn btala, ħlief li jridu jkunu siguri u jkollhom il-libertà jivvjaġġaw ma’ min iridu. Vjaġġaturi LGBTIQ jiġu minn kull età, minn kull klassi soċjali u minn livelli ta’ edukazzjoni differenti. Uħud jiġu għall-bajjiet, oħrajn għal avvenimenti u saħansitra għat-temp xemxi, waqt li oħrajn jiġu għall-kultura, għall-ikel, għall-għadis, għall-istorja ta’ Malta u hemm ħafna li jiġu għal ftit minn kollox!

Hemm min jiġi wkoll biex jiżżewweġ. Dan huwa settur li jħalli ħafna flus fil-but tal-lokali, u dan japplika għaż-żwieġ bejn nies tal-istess sess jew sess differenti. Dan huwa l-każ partikolarment jekk il-koppja ġġib magħha l-familja u l-ħbieb biex jiċċelebraw il-jum speċjali tagħhom.

Dan huwa niċċa tat-turiżmu importanti li jgħin lill-ekonomija tal-pajjiż. It-turisti li jiġu Malta f’dawn iċ-ċirkostanzi jkunu kkunsidrati turisti ta’ kwalità.

Ħafna destinazzjonijiet turistiċi qed jaraw il-potenzjal li jattiraw nies mis-swieq LGBTIQ, però huma ftit li verament huma LGBTIQ friendly u minħabba f’hekk, ma jistgħux jikkonvinċu n-nies iżuru d-destinazzjoni tagħhom. Bħalissa, Malta qed tissupera destinazzjonijiet turistiċi oħrajn, u permezz ta’ dan, nistgħu nattiraw nies LGBTIQ minn madwar id-dinja. Waqt li t-tibdil fil-liġijiet jippreżenta lil Malta bħala pajjiż LGBTIQ friendly, in-nies Maltin stess iridu jkunu ospitabbli. Skont l-Ewrobarometru, fl-2006, 18% biss tal-Maltin kienu favur żwieġ bejn nies tal-istess sess, imma sal-2015, il-persentaġġ żdied sa 65%. Is-soċjetà Maltija nbidlet u għadha qed tinbidel. Il-bidliet fil-liġijiet segwew it-tibdil fis-soċjetà.

Importanti li nifhmu li meta nitkellmu fuq turiżmu speċifiku għas-settur LGBTIQ, ma nkunux qed noħolqu diskriminazzjoni. L-MTA tixtieq biss tavża lil parti mis-soċjetà, li aktar spiss milli le tbati minn diskriminazzjoni, li l-messaġġ hu li Malta huwa pajjiż sigur u jilqa’ lil kulħadd.

L-ikbar kompetituri ta’ Malta f’dan is-settur huma Gran Canaria, Mykonos u Tel Aviv. Xi bliet oħrajn li issa qed jippromwovu ruħhom bħala LGBTIQ friendly huma Valencia u Stokkolma. L-MTA wettqet ħafna riċerka dwar is-suq LGBTIQ, biex ir-reklamar li tuża jirrappreżenta lil Malta b’mod xieraq. Ħadmet ukoll biex ġabet lejn Malta ġurnalisti mir-rivisti LGBTIQ biex jesperjenzaw pajjiżna u jiktbu dwaru. L-MTA ħadmet bis-sħiħ biex tattira il-Gay Festival internazzjonali TropOut lejn Malta, li huwa avveniment irreklamat madwar l-Ewropa kollha. Barra minn hekk, Malta hija wkoll sponsor ta’ Brighton Pride 2018, li huwa rikonoxxut bħala l-ikbar Pride Festival fir-Renju Unit.

Fi kliem il-Kap tal-Marketing u Deputat CEO tal-MTA, Carlo Micallef, l-esperjenzi li qed toffri Malta huma fil-vera sens tal-kelma indimentikabbli, fil-mod li bih il-pajjiż jgħaqqad esperjenzi kulturali u ta’ divertiment, f’ambjent mill-isbaħ u f’kuntest ta’ libertà assoluta tal-espressjoni tal-individwu.

Source: one.com.mt