“Nippreżentawlkom lil Ben” – L-ewwel adozzjoni ta’ koppja gay

“Illum nistgħu nintroduċu lit-tifel tagħna; se nibqgħu grati għal dejjem għal dan il-mument, se nkunu nistgħu ngħixu l-ħolma tagħna li nkunu ġenituri u l-ħolma tat-tifel tagħna Ben li jgħix f’familja li tħobbu u tieħu ħsiebu.”

Dan kien kliem, Kris Grima, missier Ben li flimkien mar-raġel tiegħu kienu l-ewwel koppja omosesswali li addottaw. F’post fuq Facebook, Kris tkellem dwar il-perjodu twil ta’ skrutinju u proċeduri li għaddew minnhom.

Huwa rringrazzja lil kull min kien ta’ support u urihom imħabba f’dawn il-mumenti. Iżda kellu messaġġ differenti għal dawk li kritikaw din l-addozzjoni u li esprimew dan fil-kummenti li għamlu fuq il-midja soċjali. Huwa rringrazzjhom tal-opinjonijiet b’saħħithom tagħhom għaliex se juża’ l-passjoni tagħhom biex jipproteġi lil ibnu.

“L-argument m’għandux ikun li din l-addozzjoni ma kelliex iseħħ minħabba l-aħjar interess tat-tifel, in-natura u r-rieda t’Alla iżda għandu jkun favur iktar protezzjoni legali u sigurta’ ta’ ugwaljanza fid-drittijiet tal-familja u rikonoxximent legali għal ġenituri tal-istess sess” spjega dan il-missier.

Kris fakkar kif qegħdin ngħixu f’dinja pluralista u għalhekk kulħadd għandu jħaddan id-diversita’.

Huwa assigura lil kulħadd li Ben se jkollu ħajja normali u mdawwar bl-imħabba tal-familjari u “żewġ t’iklieb protettivi.” Appella lil kulħadd biex jipromwovu integrazzjoni f’familthom u jgħallmu lil uliedhom kif iħarsu lejn dawn il-familja b’aktar imħabba u rispett.

Source: one.com.mt