Malta żżomm l-ewwel post fid-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fl-Ewropa

Malta żammet u saħħet l-ewwel post fl-indiċi ILGA-Europe għall-2018 li janalizza s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-qasam ta’ persuni LGBTIQ f’49 pajjiż madwar l-Ewropa.  Dan intqal fi stqarrija maħruġa mill-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, li fiha jingħad ukoll li b’total ta’ 91%, Malta baqgħet fil-quċċata tal-indiċi għat-tielet sena konsekuttiva filwaqt li d-distakk ma’ pajjiżi oħra li klassifikaw warajna żdied.

Il-Belġju, li ġie fit-tieni post kiseb 79% filwaqt li n-Norveġja kisbet 78%, fejn niżlet mit-tieni għat-tielet post mis-sena li għaddiet.  L-indiċi jeżamina s-sitwazzjoni fl-oqsma tal-ugwaljanza u n-nuqqas ta’ diskriminazzjoni, is-sitwazzjoni familjali, ir-reati ta’ mibgħeda u l-liġijiet kontra diskors ta’ mibgħeda, ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru u l-integrita, l-ispazju fis-soċjeta ċivili u l-ażil.

Fir-rapport ta’ din is-sena, ILGA-Europe żiedu tlett kriterji ġodda, li Malta diġa toffri fil-liġi nazzjonali. Dawn huma il-kriminalizzazzjoni ta’ terapiji ta’ konverżjoni tal-identita tal-ġeneru u tal-orjentazzjoni sesswali, t-tneħħija tar-restrizzjoni tal-eta’ u tal-bdil fl-isem għar-rikonoximent tal-ġeneru. Fit-tlett kriterji, Malta baqgħet l-unika pajjiż fl-Ewropa li toffri dawn il-liġijiet. Il-klassifika turi wkoll li Malta hija l-uniku pajjiż li tipprojbixxi interventi mediċi mingħajr deċizjoni infurmata għal persuni intersess.

Fl-istqarrija jingħad li dan ikompli juri kemm il-Gvern Malti għandu viżjoni ċara fil-qasam tal-ugwaljanza li qed tissokta tpoġġi lil Malta fuq quddiem nett bħala l-ewwel pajjiż Ewropew li jilleġiżla f’diversi oqsma biex jagħti l-protezzjoni mistħoqqa liċ-ċittadini kontra kull forma ta’ diskriminazzjoni.

Ir-rapport ta’ ILGA-Europe jelenka sensiela ta’ miżuri li ħa l-Gvern Malti fil-qasam tad-drittijiet ċivili fosthom l-introduzzjoni taż-żwieġ indaqs, l-introduzzjoni tal-X marker fuq id-dokumenti uffiċjali, il-liġi dwar l-identità tal-ġeneru, espressjoni tal-ġeneru u l-karatteristiċi tas-sess u l-liġi li tipprojbixxi diskriminazzjoni fuq bażi ta’ identità tal-ġeneru.

Fl-ewwel reazzjoni, il-Ministru għall-Affarijiet Ewropej u l-Ugwaljanza, Helena Dalli, esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għar-rikonoxximent li x-xogħol immexxi mill-Ministeru jgħati l-frott u hu rikonoxxut fuq livell Ewropew. Il-Ministru osservat ukoll li hemm xogħol għaddej fir-rigward tad-9% li fadal, fejn hemm spazju għal titjib, bħal per eżempju, fir-rigward tal-aċċess għall-IVF għal koppji tal-istess sess.

Source: tvm.com.mt