L-Orizzont: Transpożizzjoni inkorretta tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni: L-MGRM u l-għaqda aditus jikkundannaw lill-Gvern

Il-Malta Gay Rights Movement u l-għaqda aditus, entità mhux governattiva li taħdem fl-ambitu tad-drittijiet tal-bnie­dem, ikkundannaw lill-Gvern Malti għat-trans­po­żizz­joni inkorretta tad-Direttiva dwar il-Moviment Liberu u kif din qiegħda tkun applikata għal koppji tal-istess sess.

Il-Malta Gay Rights Movement ilha bosta xhur tiġbed l-attenzjoni dwar it-trans­po­żizzjoni inkorretta ta’ din id-direttiva, kemm mal-Kummiss­joni Ewropea permezz tal-affiljazzjoni tagħha ma’ ILGA-Europe, kif ukoll ma’ politiċi lokali. Evarist Bartolo MP kien issottometta mistoqsija parlamentari dwar il-pożizzjoni tal-Gvern rigward il-moviment liberu ta’ koppji tal-is­tess sess li jkunu jixtiequ jid­ħlu jew jabitaw f’Malta. Ir-risposti mogħtijin kienu evażivi u insoddisfaċenti.

Minbarra dan, it-tran­spo­żizzjoni inkorretta tad-Direttiva dwar Moviment Liberu kie­net diskussa dan l-aħħar mal-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern Carmelo Mifsud Bonnici. Il-Ministru saħaq li ma kienx informat dwar is-sitwazz­joni u tenna li jippreferi jitt­ratta sitwazzjonijiet simili bħa­la każi individwali.

Minkejja l-politika Maltija li tinsisti li ma tirrikonoxxix iż-żwiġijiet ta’ bejn persuni tal-istess sess, sħubiji reġistrati jew forom oħrajn ta’ relazzjonijiet, id-Direttiva dwar il-moviment liberu hi, madan­kollu, obbligatorja.

Skont Dr Neil Falzon, ċerpersin ta’ aditus: “tirrikjedi li l-awtoritajiet kompetenti jiffaċilitaw id-dħul u r-residenza tas-sieħeb/sieħba li jkunu ċittadini ta’ terzi pajjiżi, sa­kemm ir-relazzjoni tkun waħda dewwiema. Id-Direttiva tobb­liga wkoll lill-awtoritajiet li jiġġustifikaw kwalunkwe ċaħ­da ta’ dħul jew residenza lil dawn il-persuni.”

F’każi fejn iż-żewġ membri tal-koppja huma ċittadini Ew­ropej, in-nuqqas ta’ rikonox­ximent tal-unjoni tagħhom bejn pajjiżi differenti toħloq sitwazzjoni anomala fejn, jekk jiġu li jirrisjedu f’Malta, dawn effettivament jitilfu l-istatus ċivili tagħhom, u kwalunkwe dritt ieħor bħala akkumpanjatur jew responsabbiltajiet meh­mużin ma’ dan l-istatus.

Fejn membru wieħed tal-kop­pja hu ċittadin ta’ pajjiż barra l-Unjoni Ewropea, Malta tiċħad id-dritt tal-libertà tal-moviment billi tirrifjuta d-dħul u r-residenza, bħalma hu mitlub biċ-ċar mid-Direttiva. Dan effettivament jirriżulta li l-koppja jkollha tagħżel li tgħix f’pajjiż li ma jiddiskriminax fuq bażi tal-orjentazzjoni sesswali tal-indiwidwu, jew tif­faċċja l-possibilità li r-relazzjoni tintemm jekk ir-rilokazzjoni f’pajjiż ieħor mhix possibbli jew mhix mixtieqa.

Dan sempliċement għax jid­her li hu wisq li wieħed jistenna li jiġu rikoxxuti d-dinjità ta’ kull persuna u li l-imħabba bejn tnejn min-nies tiġi ċċeleb­rata u kkunsidrata tali irrispettivament mis-sess tal-koppja. Hi xi ħaġa kerha ferm li l-Gvern Malti jistaħba wara po­litika interna li tisħaq li koppji tal-istess sess huma “kontra l-politika pubblika” biex tiġi ġġustifikata din il-pożizzjoni omofobika u diskriminatorja li fir-realtà qiegħda tiċħad il-leġittimità u l-valur ta’ eluf ta’ koppji tal-istess sess f’relazzjoni reali u sinifikattiva.

Kemm il-Malta Gay Rights Movement kif ukoll aditus jagħrfu u jaffermaw id-dinjità sħiħa ta’ kull persuna, u qegħdin jappellaw għar-rikonoxximent u ċ-ċelebrazzjoni tal-im­ħabba bejn żewġ persuni, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tal-persuni.

Source: L-Orizzont