Ippreżentat il-Pjan Strateġiku tal-MGRM lil Helena Dalli

L-MGRM ippreżentat kopja tal-Pjan Strateġiku tagħha għall-perjodu bejn l-2015 u l-2019. F’dan il-pjan jissemmew l-għanijiet, il-valuri u l-miri tal-moviment għall-perjodu tal-ħames snin li ġejjin. L-istess pjan ġie approvat fil-Laqgħa Ġenerali Annwali f’Marzu li għadda.

Fid-dokument jissemmew l-affarjiet li l-moviment irnexxielu jikseb f’dawn l-aħħar snin sa mit-twaqqif tiegħu fl-2001. Fost il-leġislazzjonijiet, tissemma l-Unjoni Ċivili, id-direttiva tal-UE dwar ix-xogħlijiet , it-twaqqif tan-National Gay Helpline fi ħdan ir-rainbow Supposrt Sevice u Pride Week li issa sar avveniment annwali.

Il-pjan jidentifika dawk l-oqsma li fihom għad trid issir ħidma u anke jitkellem dwar kif l-inizjattivi għandhom jiġu akkumpanjati minn attitudni simili fis-soċjetà biex ma jkunx hemm ċertu reazzjonijiet negattivi bħalma kien hemm meta ġew mogħtija xi riżorsi edukattivi.

Ġew mfassla wkoll xi punti li dan il-pjan għandu jżomm bħala l-miri tiegħu, bħal iktar kuxjenza dwar dan il-qasam, sostennibbiltàta’ organizazzjoni u kontinwazzjoni tas-servizzi ta’ appoġġ.

Il-ministru Helena Dalli faħħret ix-xogħol li jsir mill-MGRM u nnutat kif dan jaqbel tajjeb mal-pjan ta’ sentejn imfassal mill-Kunsill Konsultattiv LGBTIQ u stiednet lil MGRM sabiex taqsam dan il-pjan mal-Kunsill Konsultattiv sabiex jinqasam iktar l-għarfien f’dan il-qasam.

Gabi Calleja, il-Koordinatur tal-MGRM qalet kif din il-mixja kienet waħda inkredibbli, “L-ebda minn dawn il-bidliet ma kinux jkunu possibbli mingħajr il-ħidma ta’ bosta attivisti li kkontribwew għal din il-kawża tul is-snin, u ħafna minnhom kienu jaħdmu minn wara l-kwinti u dawk li kienu lesti li jitkellmu fil-pubbliku dwar dik li kienet identità stigmatika.”

Source: illum.com.mt