Imniedi dokument ta’ konsultazzjoni dwar servizzi ta’ saħħa għal persuni transgender

L-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta qed jippjanaw li jibdew joffru servizzi lil persuni transgender biex fost oħrajn jirrefermaw l-identità tal-ġeneru tagħhom. Il-moviment tal-persuni LGBTIQ kien ilu jħabbrek biex wara l-avvanzi li saru fl-aħħar snin fid-drittijiet tal-persuni b’orjentazzjoni sesswali varji, l-awtoritajiet tas-saħħa jirrikonoxxu d-dritt għal servizzi tas-saħħa għalihom. Huwa f’dan l-isfond li d-deputat Prim Ministru Chris Fearne nieda dokument ta’ konsultazzjoni pubblika dwar servizzi tas-saħħa speċjalizzati li jistgħu jiġu introdotti għal persuni transgender.

Fit-tnedija tal-konsultazzjoni pubblika, il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li waqt li persuni trans ikollhom ħtiġijiet mediċi bħal oħrajn, hemm sitwazzjonijiet fejn ikunu jeħtieġ servizzi li s’issa għadhom mhux offruti. Dr Fearne qal li ma’ esperti barranin fosthom mill-Iżlanda, il-Gvern ħejja pjan ta’ servizz ħolsitiku tas-sahha għal persuni trans.

Il-Ministru Fearne qalet li “se nkunu qed inżidu servizzi bħal servizzi ta’ hormone replacement jew hormone therapy, bħal servizzi ta’ kirurġija, bħal servizzi ta’ counselling, u b’dan il-mod se nkunu qed innaqssu d-diskriminazzjoni anke kontra persuni trans.”

Il-Ministru Fearne qal li d-Dipartiment tas-Saħħa ser iħarreġ lit-tobba Maltin f’din it-trattament speċjalizzat għal pazjenti trans skont standards internazzjonali.

Dr Natasha Azzopardi Muscat, waħda mill-awturi tad-dokument konsultattiv, qalet li l-pjan jaħseb biex is-servizzi tas-saħħa f’Malta jkunu inklussivi għal persuni trans.

“Qed naraw kif nistgħu naħdmu biex is-servizzi tas-saħħa b’mod ġenerali jkunu aktar friendly u welcoming għal persuni trans biex ma jgħaddux minn esperjenza ħażina għax ikollhom jagħmlu kuntatt mas-servizz tas-saħħa” qalet Dr Azzopardi Muscat.

Dr Azzopardi Muscat qalet li hemm l-idea li ikun hemm klinika apposta b’tim ta’ professjonsiti biex joffru appoġġ psiko-soċjali għal persuni li jitolbu trattamenti tal-ormoni jew proċeduri kiruġiċi fl-organi tal-generu tagħhom.

Dwar tfal u adolexxenti li jesprimu x-xewqa li jgħixu f’ġeneru differenti minn dak li twieldu bih, Dr Azzopardi Muscat qalet li dawn għandhom jingħataw attenzjoni partikolari biex jiġu mgħejuna kemm it-tfal kif ukoll il-ġenituri biex ikunu evtitati riperkussjonijiet. Il-konsultazzjoni pubblika ser tibqa’ għaddejja sas-sitta ta’ Ġunju.

Source: tvm.com.mt